24/12/2025
B’niket inħabbru t-telfa ta’ Paul J. Debono li twieled f’Bormla fis-6 ta’ Mejju, 1933 u ħalla din id-dinja fl-20 ta' Diċembru, 2025 ta' 92 sena. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ St. Albert tad-Dumnikani. Daħal jaħdem fiċ-Ċivil fl-1952 u spiċċa fl-1994 bi grad ta’ Uffiċjal Prinċipali.
Minn żgħir beda jitħabbeb mal-ilsien Malti u mal-Istorja ta’ Malta. Studja wkoll dik tal-Ewropa, l-aktar Żmien id-Dlam, il-Medju Evu u s-seklu dsatax.
Kittieb ta’ b***a novelli, poeżiji, kif ukoll rumanzi fuq sfond storiku. Rebbieħ ta’ premjijiet f’konkorsi ta’ novelli. Ħafna minn dan ix-xogħol deher f’gazzetti, rivisti u antoloġiji. Ukoll dawn ġew moqrija fuq il-media. L-antoloġiji li fihom l-aktar li deher xogħol tiegħu kienu dawk tal-Għaqda Letterarja Maltija u tal-Akkademja tal-Malti. Debono anki għamel żmien teżorier tal-Akkademja tal-Malti.
Fost il-kotba ppubblikati ma’ Wise Owl għandu: L-Eremita ta’ Wied Żnuber; Il-Waħx ta’ Birkirkara; Il-Waħx ta’ Ħaż-Żabbar; Il-Waħx ta’ Ħal Qormi; Il-Waħx ta’ Marsaxlokk; Il-Waħx tal-Belt Valletta; Il-Pendent tas-Seba’ Rubini; Is-Sejħa mix-Xagħri; Taqbida ta’ Mħabba; Adelina; Gerit; Il-Gverta u l-Fuklar; Klarissa – Bint il-Baruni; Valentina – L-Ewwel Imħabba; Il-Qtil tal-Baruni Paskal; Il-Qtil ta’ Pawlina; Imħabba fis-Saħħa u fil-Mard; Imħabba fil-Ferħ u n-Niket; Ċensinu u l-Pesta, In-Neputija ta’ Monroi, Kaptan f’Baħar ta’ Inkwiet; Iż-Żeffiena Jasmine; It-Tfajla Ġappuniża; Xtaq Jilħaq il-Quċċata: Żwieġ, Suspetti u Tpattija; Tifkiriet Tfuliti tal-Aħħar Gwerra Dinjija; Moħba fil-Wild West; Serqa mill-Wild West; Flavia; Xemx, Baħar u Namuri; Il-Ġarra Ġejja u Sejra; Qlub Jinħabbu.